Veronica Grech Muscat kellha tqala difficli, izda din tatha energija gdida tant li spirat ruhha sabiex tghin lil haddiehor. Ramona Portelli ltaqghet maghha biex issir taf aktar dwar ix-xoghol taghha.
Kemm-il darba tigrilna esperjenza qarsa, izda wara jinfethu bibien godda. Ghall-mument tahseb li tkun waqfet id-dinja ta’ madwarek, u tibda tara dalma wahda. Rari tkun qed tahseb li ghad fadal xi ragg ta’ tama ghalik u ghal ta’ madwarek.
Dwar dan tkellimt ma’ persuna li ghaddiet minn esperjenza simili. Veronica Grech Muscat xi snin ilu kienet tahdem ma’ kumpannija tal-proprjetà. Kienet inqabdet tqila u minhabba xi kumplikazzjonijiet waqt it-tqala kellha tieqaf mix-xoghol taghha. L-istorja taghha ma waqfitx hawn, anzi maz-zmien rawwmet il-kuragg u bhal donnu gietha energija gdida sabiex tibda progetti godda u fuq kollox siewja ghall-haddiehor.
Iltqajt ma’ Veronica sabiex niddiskuti ahjar din l-esperjenza li ghaddiet minnha. Fil-fatt iltqajna f’gurnata sabiha u xemxija f’Ta’ Sliema. Wasalt fuq il-post ftit qabel sabiex nilhaq nissetilja u ftit wara titfacca Veronica quddiemi – mimlija energija sabiex taqsam dak kollu li ghaddiet minnu dan l-ahhar.
Veronica llum hija mizzewga u omm ta’ tifla ta’ tliet snin. Toqghod Sta. Venera u meta ssib ic-cans, li huwa rari hafna, thobb taqra u tiggoggja. Stajt ma hejjejt xejn domandi ghaliha, ghax mal-ewwel bdiet tiftah il-frieghi u tghidli dwar dak kollu li ghaddiet minnu. B’hekk qghadt nismaghha, u kultant inwaqqafha bejn haga u ohra sabiex niccara xi affarijiet.
“Kif kont qed nghidlek kelli nieqaf mix-xoghol, u meta tkun persuna li tkun hallejt karriera warajk u f’daqqa ssib ruhek id-dar, iggibek persuna differenti. Aktar u aktar meta tasal it-tarbija. L-istorja tinqaleb ta’ taht fuq. Il-genituri hafna drabi jhossuhom wahedhom,” bdiet tghidli Veronica.
Ridtha tfissirli ezatt x’jigifieri meta qaltli li l-genituri jhossuhom wahedhom. Fil-fatt gabitli ezempju meta koppja tkun f’xi restorant bit-tarbija maghhom tibki. Jahsbu li kulhadd qed ihares lejhom jew li huma biss jinsabu f’din is-sitwazzjoni kemmxejn skomda. “Fil-verità jinsew li madwar id-dinja hemm miljuni ta’ koppji ohra fl-istess sitwazzjoni taghhom.”
Ziedet tghidli li hi hasset li l-hajja riedet tinvolviha f’xi haga ohra. Meta mara tkun ser issir omm din trid titghallem kollox, bhal tattendi korsijiet u tikseb informazzjoni kemm jista’ jkun. “Niftakarni jiena kont gennintu lir-ragel tieghi. Kont ingorru mieghi minn kors ghal iehor. Daqqa ante-natal, daqqa dwar control breathing, daqqa breast feeding u suggetti varji ohra kollha konnessi mat-tqala u t-tfal,” tbissmet tghidli Veronica.
Bdew il-kumplikazzjonijiet
Kompliet tghidli li malli kellha tliet xhur tqala, digà kienet tidher wisq it-tqala taghha, tant li t-tobba kienu hasbu li kien se jkollha twins. Fil-verità kellha tip ta’ nefha. Apparti hekk kien instab li waqt it-tqala kienet qed tbati minn PUPPP. “PUPPP hija tip ta’ hormonal rash. Fil-fatt gejt infurmata li din il-PUPPP normalment tohrog fuq min verament ikun ser ikollu twins, ghalkemm fil-kaz tieghi ma kienx hekk.
Hija kundizzjoni li tohrog wahda f’kull mitt tqala. Inzertajt li x-xorti hazina messet lili, u hajjti hassejtha mizerja. Kont naghmel iljieli wara xulxin ma norqodx bil-hakk li kien jaqbadni. Biex tkompli tghaqqad, jiena wellidt f’Lulju u tista’ timmagina x’Sajf martirju kont ghaddejt, apparti s-shana qawwija u l-hakk”, kompliet tirrakkontali Veronica.
Energija gdida
Kompliet tghidli li din is-sitwazzjoni flok kissritha, bhal donnha kisbet energija gdida biha. “Stajt spiccajt b’xi dipressjoni jew kont incedi, izda ghall-kuntrarju hassejt energija gdida go fija. Niftakar kont dhalt l-isptar biex inwelled fit-8am tat-12 ta’ Lulju, biex spiccajt wellidt l-ghada 13 ta’ Lulju f’nofs il-lejl nieqes ghaxra. Precizament Friday 13th kien. Wellidt cesarja u llum it-tifla tieghi Elena ghandha tliet snin”.
Ziedet tghidli li appena welldet hasbet li din l-istorja ghaddiet, izda fi kliemha stess din kienet iggravat aktar. “Wara li kienu ghaddew hamest ijiem u ffirmajt sabiex nohrog mill-isptar, kont bqajt b’naqra raxx u hakk. Eventwalment spiccajt id-dar mat-tarbija. Il-welcome parties ghaddew ukoll, u litteralment spiccajna jiena u t-tarbija d-dar, ghaliex ir-ragel ikun ix-xoghol.
Bdejt infittex korsijiet u attivitajiet li stajt nattendi, izda fil-kaz tieghi ma sibtx dak li kont ridt insib. Kien hawn hawn li hrigt bl-idea ta’ let’s talk about babies.”
B’hekk let’s talk about babies bdew isehhu minn tliet snin ilu ‘l hawn. Ghall-ewwel, Veronica spjegatli li kienet tlaqqa’ l-genituri fl-kwartieri tal-iscouts, il-Furjana. Maz-zmien il-kelma bdiet tigri u l-persuni bdew jattendu aktar bi hgarhom.
Izda bdiet tirrealizza li kellha nuqqas ta’ spazju adattat fejn setghet tlaqqa’ l-genituri. “Illum din il-problema giet eliminata u ninsab kuntenta li ghandi post adattat u xieraq fejn nista’ nlaqqa’ lil dawk li jattendu. L-attivitajiet nista’ nghid li kibru wkoll. Norganizza fitness classes, dance workout classes, story telling activities u seminars ta’ interess generali”.
B’wiccha minn quddiem tghid li l-gruppi dejjem jinghaqdu ghas-sodisfazzjon taghha, u fuq kollox ghas-sodisfazzjon ta’ dawk li jattendu. Naqbad id-diskors dwar is-seminars li torganizza minn xahar ghal xahar. Qaltli li ghalihom tistieden diversi kelliema professjonali bhal tobba, midwives, konsulenti, u specjalisti fost ohrajn.
Fost is-suggetti li jigu diskussi hemm hafna li wiehed jista’ jifrex u kultant l-anqas nimmaginaw. Dawn ivarjaw minn potty training, breast feeding, dental care, post-natal care, foot care, immunisation, eye development, weaning, u child development fost hafna ohrajn.
Ziedet tghidli li s-suggetti jvarjaw skont id-domanda tal-genituri u l-fazijiet taghhom. “Apparti li jattendu ghal dawn is-seminars, il-genituri li jattendu jkunu qed jiksbu dik l-informazzjoni mehtiega ghalihom. Nafu li mill-internet illum nistghu nsibu dak kollu li nfittxu, izda mhux tant bil-prattika li nkunu nixtiequ.
Fis-seminars li norganizza apparti talks, ikollna wkoll fil-prattika dak li jkun qed jintqal. Jinqasmu xi esperjenzi ta’ haddiehor ukoll u dawk li jattendu jkunu jistghu jsaqsu li jridu dwar dak li jkun qed jigi diskuss”, kompliet taggornani Veronica.
Ta’ min jghid li generalment is-seminars jkunu bil-lingwa Maltija, ghalkemm gieli jkun hemm domanda ghal xi gruppi li jkunu jippreferuhom bl-Ingliz. Ma ninsix nghid ukoll li dan kollu mill-bidu sal-ahhar kien kollox progettat minn Veronica stess. Meta qed nghid progettat qed infisser idea, organizzazzjoni, marketing, u kuntatti fost ohrajn.
Dwar jekk tahsibx li ghad hawn genituri li ma jkunux jafu l-informazzjoni kollha fit-trobbija ta’ uliedhom, Veronica wegbitni fil-pozittiv. “Sfortunatament iva. Ghad hawn per ezempju genituri li jahsbu li ghax jaghmlu gallettina fil-bottle tat-tarbija allura din se takkwista aktar sustanzi. Fil-verità nstab li l-prattika ma tghidx hekk.”
Veronica tenfasizza li l-genituri jridu jkunu preparati sew fit-trobbija ta’ uliedhom. Apparti hekk hija tishaq fuq l-importanza li mbilli mara saret omm, din ma tridx tinsa li hija mara.
“Filghodu l-omm ma tridx tinsa li hi mara. Jehtieg li certu ommijiet iqumu u ma jibqghux bil-pigama d-dar. Izda minflok jiehdu hsieb taghhom infushom u ma jinsewx lilhom infushom. Fuq kollox it-tarbija tkun aktar kuntenta jekk l-omm tkun qed tiehu hsieb taghha stess”, temmet tghidli Veronica.
Min jixtieq isir jafu aktar dwar dawn is-seminars u servizzi, jista’ jidhol fuq is-sit elettroniku www.letstalkaboutbabies.com

| < Prev | Next > |
|---|






