Ftit qabel l-ahhar elezzjoni, il-Prim Ministru Gonzi fil-kapacità tieghu ta’ prim ministru dakinhar, kien qalilna li kien se jiehu l-MEPA f’idejh biex jassolviha minn kull dnub li kienet qed taghmel u jbahharha minn kull skandlu li kienet qed tohloq bil-kapricci kollha li johorgu minnha! Izda jidher li din kienet weghda ohra fiergha ta’ Gonzi.
Nafu llum li l-MEPA kap-riccjuza u skandaluza kienet u hekk baqghet. Titkessah maz-zghir li forsi jibni xi toqba ta’ kamra fuq il-bejt, waqt li tinhall bhal silga u tisfa fix-xejn ma’ min gmielu ghandu l-elejjef biex jidhol ghal zvilupp. Qieghed nikteb dan fid-dawl ta’ dak li qieghed tassew ikidd lill-Kunsill Lokali ta’ Hal Ghaxaq u lil bosta Ghaxqin li huma nies ta’ rieda tajba.
Mela, f’Hal Ghaxaq, rahal imdaqqas lejn in-nofsinhar ta’ Malta, hemm gnien b’palazz mieghu. Il-gnien hu l-uniku gnien fil-lokalità waqt li l-palazz hu ta’ ghamla li bhalha ma nsibux fil-gzejjer taghna. U hu ghaldaqstant dan gie skedat; hu ghaldaqstant li l-Kunsill Lokali ta’ Hal Ghaxaq hu mikdud; hu ghaldaqstant li hafna mill-Ghaxqin ghaddejjin minn dizappunt liema bhalu!
Tistaqsini u bir-ragun kollu, mela ghal xhiex tat permess il-MEPA. Jien konvint li int digà qtajt u wasalt biex fhimt x’hemm jinhema. Iva, l-MEPA approvat il-permess ghal madwar tletin appartament minflok il-gnien.
Nistaqsi jien, min se jkun qed jaghmel negozju u qligh kbir bih dal-permess? Ghaliex il-MEPA meta jkun hemm xi cans ta’ dat-tip la tkaxkar saqajha u wisq inqas ma tibqa’ lura? Nitolbu, u bi dritt ladarba ahna cittadini Maltin, lill-Prim Ministru jwegibna ghal dawn iz-zewg mistoqsijiet taghna minghajr ma joqghod jahbi l-qarnita wara subghajha.
Il-Kunsill Lokali ta’ Hal Ghaxaq mhux biss mikdud li bini storiku u skedat sa mill-2004 issa fl-2011/2012 se jintilef, u mieghu se jintilfu l-bosta sigar protetti bil-ligi li hemm f’dal-gnien – ghax ghal certi nies li jkollhom l-ishma f’dawn il-progetti sahansitra l-ligi tinkiser u qisu mhu qed jigri xejn – imma wkoll inkwetat bil-kbir ghal dawk il-povri familji li joqoghdu fi Triq Il-Hatem u fi Triq Guzeppi Debono.
U, nisthajjlek tghid, imma dawn il-familji x’ghandhom x’jaqsmu? Ha nghidlek. Dawn it-toroq jigu preciz wara l-gnien-cum-palazz in kwestjoni u allura meta taghmel xita qawwija l-ilma li johrog mill-bjut u l-btiehi ta’ dawn id-djar joskula ghal gol-hamrija fil-gnien.
Izda malli l-gnien jinbena dawn l-ilmijiet, li jizdiedu ma’ ilmijiet ohra li jaqilbu lejn dawn it-toroq minn bosta toroq ohra fir-rahal ta’ Hal-Ghaxaq, mhux se jkollhom fejn joskulaw u allura se jibdew jgherrqu d-djar ta’ dawn il-familji.
A propozitu, dan hu kaz ta’ dejà vu; meta xi snin ilu ghamlet xita qawwija, dawn il-familji esperjenzaw umiljazzjoni mill-ikbar meta kellhom imorru jittalbu l-flus u l-ghamajjar biex jibdlu dawk li kien digà kellhom, imma li therrewlhom bl-ilmijiet li kienu dahhlulhom! Dawn il-familji ma felhux igorru l-ispejjez wahedhom u kellhom jaghmlu wicchom mal-familjari, ma’ qrabathom u ma’ hbiebhom, bl-obbligazzjoni ma tithassar qatt minn go fihom!
Bhallikieku dan mhux biz-zejjed, irridu nzidu nghidu wkoll li dal-gnien, li bil-barka tal-MEPA hemm cans kbir li jinqered, hu mhux biss l-izvog wahdieni tal-Ghaxqin kollha, imma hu wkoll l-unika ventilazzjoni u arja miftuha ghall-akkwata tieghu, li hi akkwata digà mahnuqa bil-bini u allajbierek il-MEPA trid tkompli taqbadha minn ghonqha u tifgaha b’iktar bini. Dan hu li qed isehh f’pajjizna; kull min ghandu xi ftit jew wisq tas-setgha jaqbad u jfattar bla ma jikkonsulta ma’ hadd biex zgur li tghaddi tieghu u allura jilhaq l-ghanijiet ulterjuri li jkollu.
Jista’ jghidilna, allura, il-Prim Ministru kif u come hadha f’idejh il-MEPA? Xi jfisser ghalih li hadha f’idejh? Ma jfissirx, ghallijistajkun, li din li ha l-MEPA f’idejh hi falliment iehor minn tieghu?
U x’inhi taghmel l-istess MEPA biex tikkumbatti dan? Qeghda tizvoga maz-zghir u tisraqlu d-drittijiet tal-pacifku pussess ta’ daru li hafna drabi hi l-unika haga li jkollu xi jgawdi wara li jkun ghereq l-gharaq tad-demm biex akkwistaha?

| < Prev | Next > |
|---|






