F’dan iz-zminijiet, hija drawwa li nharsu lejn l-isfidi u l-prospetti li ghandna ghas-sena l-gdida. KRISTA CARUANA u RITIANNE AGIUS tkellmu ma’ diversi personalitajiet minn oqsma differenti u staqsewhom dwar l-isfidi li se ggib maghha s-sena 2012.
“Pajjizna m’ghandux jilghabha ta’ spettatur imma ta’ intermedjarju ghall-kompromessi li huma tant mehtiega” - Alfred Mifsud
Il-krizi tal-Euro hija serjissima u jekk il-germanja ma toqghodx attenta tista’ twaqqa’ lid-dinja f’depression li tixbah lil dik tas-snin 30, li mbaghad wasslet ghat-Tieni Gwerra Dinjija.
Fis-sistema monetarja Ewropea nbjew skwilibriji kbar, fejn min hu b’sahhtu bhal germanja qed igawdi, u min hu dghajjef bhal Grecja qed ikompli jiddghajjef. Min hu dghajjef jehtieg ghajnuna tat-tip tal-Marshall Plan ta’ wara l-Gwerra, ghax jekk le l-Ewro ser titkisser u jbati kulhadd.
Izda Merkel u Sarkozy li qed jiffaccjaw elezzjoni fl-2012/2013 isibuha difficli jikkonvincu lill-eletoratt ta’ pajjizhom, li minnhom jiddependu ghall-kredenzjali demokratici taghhom, li huwa fl-interess taghhom li jghinu lil min hu batut flok ikomplu jgawdu mill-krizi permezz ta’ rata tal-kambju li tiffavorixxi l-esportazzjoni u rata ta’ self baxxa hafna.
Din hi sfida kbira ghas-sena 2012; sfida li fiha pajjizna qed jilghabha ta’ spettatur meta fil-fatt jista’ jilghabha ta’ intermedjarju ghall-kompromessi tant mehtiega bhala pajjiz Mediterranju, li ghalkemm m’ahniex b’sahhitna daqs il-germanja, m’ghandniex l-istess problema tal-Grecja, l-Italja u l-Portugall, grazzi ghall-kultura ta’ tifdil li hallewlna missirijietna.
Alfred Mifsud huwa ekonomista u konsulent finanzjarju
“Jekk ma jinstabx xoghol ghal hafna zghazagh fil-pajjizi Gharab, ir-Rebbiegha Gharbija taf issir Xitwa Gharbija” – George Saliba
Is-sena 2011 kienet sena ta’ taqlib u grajjiet xejn mistennija fid-dinja Gharbija. Ir-Rebbiegha Gharbija rnexxilha twarrab regimi qodma u korrotti li l-uniku skop taghhom kien li jzommu l-poter u jistghanew ghas-skapitu tal-poplu. Sfortunatament ir-Rebbiegha Gharbija ma kelliex success kullimkien. Hekk il-Bahrain kellna l-ewwel zelqa ta’ dan il-moviment u ghad-fadal xi jsir fil-Jemen u s-Sirja. Jekk ma tfisser xejn, ir-Rebbiegha Gharbija uriet li bhal popli ohra l-Gharab iridu dinjità u libertà.
Dan issa ghadda, x’inhu il-futur? Milli wiehed jisma’ u jara il-futur ma tantx jidher sabih. Il-Bahrain dan il-moviment gie mwaqqaf permezz tat-tankijiet Sauditi flimkien mas-skiet Amerikan. Fis-Sirja l-konflitt qed jihrax. Fejn irnexxa ghad hemm hafna mistoqsijiet. Fl-Egittu, it-Tunezija u l-Libja n-nies, partikolarment iz-zghazagh, iridu x-xoghol. Ma jidhirx li sa issa dan qed isehh u jekk ma jinstabx xoghol, billi l-ekonomija ta’ dawn il-pajjizi tirkupra u terga’ tibda tikber, jista’ jkollna aktar taqlib u minn Rebbiegha Gharbija nispiccaw f’Xitwa Gharbija.
Nispera li dan ma jsehhx.
George Saliba kien ambaxxatur ta’ Malta ghall-Istati Uniti, ir-Russja u l-Libja, fost l-ohrajn
“Iz-zona ewro mistennija tidhol f’recessjoni fl-2012” – Anthony Manduca
L-ahbarijiet internazzjonali tal-2011 kienu bla dubju ddominati mill-manifestazzjonijiet u rivoluzzjonijiet fid-dinja Gharbija kif ukoll mill-krizi taz-zona ewro. Kienu tassew avvenimenti storici meta l-Presidenti tat-Tunezija u l-Egittu kellhom jirrizenjaw wara ftit gimghat ta’ dimostrazzjonijiet kontra r-regimi taghhom.
Is-sitwazzjoni fil-Libja kienet aktar ikkumplikata, u ir-risposta ta’ Gaddafi ghall-protesti kienet aktar harxa mill-pajjizi l-ohra. Ghalhekk in-NATO, taht l-awtorità tal-gnus Maghquda, wettqu numru ta’ air strikes li ghenu r-ribelli jiehdu t-tmexxija tal-pajjiz. Kien hemm ukoll protesti fis-Sirja, l-Jemen u Bahrain, u s-sitwazzjoni hemmekk ghada mhux stabbli.
Il-krizi taz-zona ewro kienet theddida ghall-ekonomija Ewropea u globali u numru ta’ pajjizi fiz-zona ewro kellhom bzonn bailouts biex ihallsu d-dejn taghhom. Il-krizi waslet ukoll ghall-kollas ta’ hames gvernijiet fiz-zona ewro minhabba mizuri horox li kellhom jigu introdotti.
Iz-zona ewro mistennija tidhol f’recessjoni fl-2012, u dan il-fatt se jkollu konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija globali. Il-protesti fid-dinja Gharbija se jkomplu u se jkun hemm glieda bejn il-forzi Izlamici u sekulari. Fl-elezzjoni presidenzjali Amerikana se jkun wahda tahraq, u r-rizultat se jiddependi fuq il-qaghda ekonomika.
Probabbilment Vladimir Putin se jkun elett President tar-Russja, però l-glieda ghad-demokrazija fir-Russja se tkompli. Fi Franza Nicolas Sarkozy se jkollu battalja difficli biex jerga’ jkun elett President. Fic-Cina se jkun hemm tmexxija gdida fil-pajjiz wara l-Kungress tal-Partit Komunista f’Ottubru.
Nistghu nistennew aktar problemi mill-Korea ta’ Fuq, li ghandha armi nukleari, u li issa hija taht it-tmexxija ta’ Kim Jong-un. Izrael se jkollu t-tentazzjoni biex jattakka l-facilitajiet nukleari tal-Iran. Jekk dan l-attakk isehh, il-konsegwenzi ghad-dinja jkunu koroh hafna.
Anthony Manduca huwa l-editur tal-pagni tal-ahbarijiet internazzjonali ta’ The Sunday Times
“Jekk ma taghmilx certi kontijiet llum qabel ghada, l-Knisja qed titlef hin prezzjuz u se tibqa’ ssir irrelevanti ghal hafna iktar nies” – Fr Renè Camilleri
Il-Knisja llum, fil-mod kif inbidlet u żviluppat is-socjetà moderna, hi player fost ohrajn fl-arena tal-hajja. Trid titghallem iggarrab it-telfiet taghha li wara kollox m’ghandhomx itellfuha milli tibqa’ ffukata fuq l-isfida l-kbira tal-fidi f’dinja li mhux bilfors thoss il-htiega ta’ Alla.
Is-sena 2011 tista’ tidher li kienet negattiva ghall-Knisja f’Malta jekk insemmu t-taqtiegha tad-divorzju jew is-sentenza tal-Qrati Maltin fil-kazi ta’ abbuzi sesswali minn qassisin. Imma lil hinn minn dak li l-izjed jaghmel hoss, il-Knisja tfisser ukoll hafna gid li jsir fis-skiet kuljum u li jaffettwa l-hajja ta’ tant nies. Il-Knisja trid tissaffa u tkun iktar dak li suppost tkun. Ghalhekk il-Knisja ma tistax tehel ma’ dak li tkun ghaddiet minnu.
Trid thares lejn il-bniedem fic-cirkustanzi tal-lum u tifhem x’jonqsu biex tkun hemm ghalih u twassallu l-Vangelu tas-salvazzjoni li hu indirizzat lill-qalb tal-bniedem fejn l-izjed hi mwiegggha.
Il-Knisja f’Malta ghandha sfidi kbar fil-gejjieni qarib. Imma tehtieg l-gherf biex tiddistingwi bejn il-battalji u l-gwerra vera. L-isfida l-kbira taghha hi l-fidi, li l-bniedem ma jghix daqs li kieku Alla mhux hemm. Biex tirbah din l-isfida, u bħalma ghamlu fuq il-gifen ta’ Pawlu meta kien se jinkalja ma’ gziritna, trid tizbor lilha nnifisha u tarmi dak li flok jibni n-nies qed jaljenahom. Dawn il-kontijiet iridu jsiru llum qabel ghada. Inkella l-Knisja qed titlef hin prezzjuz u se tibqa’ ssir irrelevanti ghal hafna iktar nies.
Fr. Renè Camilleri jghallem fil-Fakultà tat-Teologija fl-Università ta’ Malta
“Wara l-maltemp dejjem johrog il-bnazzi. X’aktarx lis-sena id-diehla, t-temp jibda jiccara” - Toni Abela
“Nixtiequlkom is-sena t-tajba. S’hemm nistghu naslu, ghaliex ghall-bqija la jiddependi minna u lanqas minnkom. Importanti li ahna naghmlu dak kollu li nistghu biex naghmluha tajba.
Li nixtru u nakkwistaw dak li nixtiequ jiddependi fuq kemm naqilghu u kemm nahdmu. Izda hemm fatturi, bhal ma hija l-inflazzjoni, li jikluna minghajr ma ghandna htija. Qieghed nara li s-sena d-diehla ser ikollna aktar gholi fil-prezzijiet u aktar spejjez li m’ghandniex kontroll fuqhom ahna. Il-kontroll qieghed f’idejn dawk li jmexxu l-Gvern.
Mhux dejjem tort taghhom lanqas. Ahna pajjiz zghir u niddependu ghal kollox fuq dak li nimpurtaw. Ma’ dak li nixtru minn barra nimpurtaw ukoll l-inflazzjoni. Hekk bhalma dari mal-qamh kien jidhol il-mard, illum indahhlu f’pajjizna z-zieda fil-prezzijiet minn barra.
Kull ma nistghu naghmlu hu li ma nkabbrux il-gerha b’aktar taxxi u pizijiet. Izda wisq nibza’ li s-sena d-diehla ser ikollna aktar minn dawn il-mizuri. IL-Gvern huwa ilsir tal-akkumulu ta’ dejn nazzjonali li halla jsir muntanjuz maz-zminijiet. Wara l-esperjenza ta’ negligenza assoluta min-naha tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-moniteragg tal-ekonomija Griega, kull Gvern qieghed taht skrutinju totali biex bit-tajjeb jew il-hazin, inaqqas id-dejn.
Biex dan isir, ser ikun hemm bzonn t’aktar mizuri fiskali. Whud minn dawn ser ikunu jidhru, ohrajn jidhlu f’butna inkiss inkiss. L-ewwel li ser jintlaqtu huma dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Il-pensjonanti, haddiema zghar u dawk minghajr xoghol. Dawk li sa ftit ilu kienu jaqilghuha mhux hazin ser ikomplu jaraw il-livell tal-ghixien taghhom jonqos.
Is-sena d-diehla ser tikber l-illuzjoni li zdied ix-xoghol. Izda l-kwalità ta’ xoghol li qed jinholoq huwa povru, temporanju u b’nuqqas ta’ rispett lejn id-drittijiet tal-impjegat. Kull min irid jghix m’ghandux ghazla, u hazin kemm huwa hazin u zghira kemm hija zghira l-konsenja, bhal Malta, li qatt ma irrifjutat qamh, ebda haddiem m’hu ser jirrifjuta x-xoghol.
Izda jiena nemmen li “post nubila pheobus”, jigifieri, wara l-maltemp dejjem johrog il-bnazzi. X’aktarx lis-sena id-diehla, t-temp jibda jiccara. F’xi hin ser tinbet it-tama li l-affarijiet jistghu jaqilbu ghall-ahjar.
Toni Abela huwa Deputat Mexxej ghall-Affarijiet tal-Partit Laburista
“J’Alla l-politici ma jaqghux ghat-tentazzjoni li jinzlu f’livell baxx u personali fil-konfront tal-‘avversarji’ politici fir-‘run up’ ghall-elezzjoni” - Jeffrey Pullicino Orlando - Deputat Nazzjonalista
Nahseb li wahda mill-akbar sfidi li ser ikollu pajjizna s-sena d-diehla hi li l-membri kollha tal-klassi politika ma jaqghux ghat-tentazzjoni li jinzlu f’livell baxx u personali fil-konfront tal-‘avversarji’ politici fir-‘run up’ ghall-elezzjoni generali li jmiss. B’dispjacir nara li hemm min bhal donnu qed jipprova minn issa jzid it-tensjoni politika fil-pajjiz b’dan il-mod.
Diversi setturi tal-ekonomija taghna, ewlenin fosthom it-turizmu u l-industrija tal-kostruzzjoni, jidher li se jigu affetwati b’mod negattiv. L-industrija tal-kostruzzjoni hija storikament wahda mill-pilastri tal-ekonomija Maltija, izda jidher car li numru ta’ fatturi, ewlenin fosthom l-‘oversupply’ ta’ units u kawtela kbira mill-banek lokali, sejrin jkomplu jaffetwaw dan is-settur. L-industrija importanti tat-turizmu taf tigi influwenzata mir-ricessjoni mondjali, partikolarment dik Ewropea minn fejn jigu l-parti l-kbira tat-turisti li jzuru l-gzejjer taghna.
Wiehed jittama lit-tbassir ekonomiku li fuqu gie bbazat il-bagit pozittiv ta’ din is-sena ma’ jkunx milqut minhabba f’hekk.
Zgur li l-gvern sejjer isib ghadma iebsa fil-konfront ta’ l-izviluppi politici li qeghdin isehhu fi hdan l-Unjoni Ewropea. Huwa b’sodisfazzjon li wiehed jinnota li l-Gvern u l-Oppozizzjoni jidhru li qeghdin jaghrfu u japprezzaw dan il-fatt u hemm kollaborazzjoni shiha bejniethom f’dan l-aspett. Il-gid komuni jitlob li nuru din it-tip ta’ maturità.
Jehtieg li, fejn hu possibbli, nigbdu habel wiehed fejn jidhlu l-interessi nazzjonali.
Jeffrey Pullicino Orlando huwa Deputat Nazzjonalista
Malta ghandha l-anqas ammont t’ilma li qed jerga’ jintuza, daqs li kieku ghada m’hu se jasal qatt! - Marco Cremona
Aktar ma jghaddi zmien, l-immaniggjar tal-ilma aktar qed isir suggett topiku f’dak li ghandu x’jaqsam mal-qasam ambjentali u ekonomiku. U dan bir-ragun. Malta ghandha l-anqas ammont t’ilma li qed jerga’ jintuza, daqs li kieku ghada m’hu se jasal qatt! Aghar minn hekk, f’certu kazijiet qed nuzaw ilma tax-xorb biex inaqqu l-fjuri li hemm fir-roundabouts, filwaqt li aktar bdiewa qeghdin jilmentaw li qed jispiccaw jippumpjaw ilma bil-melh mill-boreholes taghhom.
Fl-2010 kienet digà harget cara hafna li Malta digà qed taffaccja krizi qawwija fejn jidhol l-ilma. Fl-istess waqt li zewg terzi tal-ilma li jintuza f’pajjizna jittiehed b’xejn minn taht l-art, mhux qed nirrealizzaw li dan ir-rizors naturali qieghed jispicca ma’ kull minuta li tghaddi. Jekk kellna nikkalkulaw ftit insibu li mill-acquifers qed intellghu mal-21,000 litru t’ilma kull minuta. Izda minkejja kollox jidher li mhux qed tinhass sena t’urgenza biex din il-problema nibdew nindirizzawha malajr kemm jista’ jkun. Issa wasalna f’sitwazzjoni li jekk din il-problema se tibqa’ tigi posposta, se tkun qed tpoggi l-kompetittività ta’ pajjizna taht theddida serja. Hemm min hu tal-fehma li l-hsara li saret f’dan il-qasam issa hija rriversibbli bil-konsegwenza li l-generazzjonijiet futuri huma kkundannati ghal hajja li fiha ma jkollhomx access ghall-ilma bi prezz ragonevoli.
Apparti minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea timponi li bhala pajjiz membru fl-Unjoni Ewropea, pajjizna ghandu jilhaq il-miri taghha dwar l-acquifers sa l-2015. Prezentament, huwa stmat li 16 minn kull 18 -il acquifer li hawn f’pajjizna jinsabu fi stat hazin hafna u s-sitwazzjoni qed tkompli tiggrava ma’ kull gurnata li tghaddi. Minhabba f’hekk jidher li pajjizna m’ghandux cans jilhaq il-miri Ewropej f’dan il-qasam, l-anqas jekk jiehu mizuri drastici hafna. Konsegwentament, pajjizna se jispicca jhallas multi kbar minhabba dawn in-nuqqasijiet. L-isfida tal-immaniggjar tal-ilma hija wahda essenzjali li tibda tigi indirizzata bis-serjetà fl-2012.
L-2012 x’aktarx se tkun is-sena tal-elezzjoni generali u ghalhekk nappella lill-politici biex jagixxu b’mod responsabbli u jevitaw li jippoliticizzaw din il-kwistjoni u ghalhekk nemmen li ghandhom jagixxu fl-interess nazzjonali ta’ pajjizna.
Marco Cremona huwa idrologu u inginier

| < Prev | Next > |
|---|






